L-ewwel safra tal-Banda Marija Mtellgha s-sema tal-Imgarr

Il-Banda Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr għamlet l-ewwel safra tagħha bejn it-13 u s-17 ta’ Diċembru 2018. Din kienet fil-villaġġ ta’ Mathi, li jagħmel parti mill-belt metropolitana ta’ Turin fir-reġjun tal-Piemonte. F’dan il-post il-banda kellha l-ewwel servizz mużikali tagħha barra xtutna.

(Ritratt: Membri tal-kumitat flimkien mas-Sindku tal-Imġarr is-Sur Paul Vella u s-Sindku ta’ Mathi s-Sur Maurizio Fariello waqt l-ewwel safra tal-banda Mġarrija f’Mathi, Turin, fis-16 ta’ Diċembru 2018)

Dan kollu kien possibbli grazzi għall-ġemellaġġ li hemm bejn il-Kunsill Lokali tal-Imġarr u l-Komun ta’ Mathi. L-istedina saret mill-Komun ta’ Mathi, fl-okkażjoni tal-10 sena minn meta ġie ssiġillat dan il-ġemellaġġ u fl-okkażjoni tal-inawgurazzjoni tas-sede l-ġdida tal-Banda Principessa Yolanda ta’ Mathi.

Il-banda Mġarrija kienet akkumpanjata minn grupp sabiħ ta’ Maltin, l-iktar Imġarrin, li flimkien ma’ din is-soċjetà żagħżugħa għexu dawn il-mumenti sbieħ u komplew jiktbu l-istorja ta’ din l-għaqda mimlija entużjażmu u enerġija.

Il-qofol ta’ din iż-żjara ntlaħaq il-Ħadd, 16 ta’ Diċembru 2018, meta ż-żewġ baned daqqew flimkien l-innu nazzjonali Malti u dak Taljan waqt iċ-ċerimonja tat-tlugħ tal-bnadar nazzjonali. Wara l-baned daqqew marċi brijużi fit-toroq ta’ Mathi. Meta l-baned waslu quddiem is-sede l-ġdida tal-Banda Principessa Yolanda saret l-inawgurazzjoni tal-post.

Wara li l-baned ferħu lil dawk preżenti fit-toroq bid-daqq ta’ marċi brijużi, u f’kesħa xxoqq il-għadam, kien imiss li ż-żewġ baned itellgħu kunċert tal-Milied.

Fetħet dan il-kunċert il-banda Mġarrija, li kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Direttur tagħha Tancred Grech. Waqt dan il-kunċert il-banda Mġarrija daqqet għall-ewwel darba s-silta miktuba għal din l-okkażjoni, La Filarmonica di Mġarr a Mathi, xogħol il-mużiċist, kompożitur u għalliem żagħżugħ fi ħdan din l-għaqda Christopher Tanti, li hu stess mexxa l-banda waqt din is-silta mużikali. Ta’ min isemmi li dan kien mument ferm importanti għalih, għax kienet l-ewwel darba li hu dderieġa banda.

Iż-żewġ baned daqqew siltiet mużikali mexxejja u wħud minnhom b’rabta ma’ żmien il-Milied. Fl-aħħar iż-żewġ baned daqqew żewġ siltiet mużikali flimkien. Waqt dan il-programm saru wkoll xi preżentazzjonijiet biex tibqa’ titfakkar din l-okkażjoni speċjali. Id-diskors ta’ din l-okkażjoni speċjali sar mis-Segretarju Ġenerali tas-soċjetà s-Sur Joseph Caruana. Saru diskorsi oħra mis-Sindku tal-Imġarr, ta’ Mathi u mill-President tal-Banda Principessa Yolanda. Is-Sinjorina Claudine Muscat kienet waħda mill-compere li ppreżenta s-serata.

Wara l-programm iż-żewġ baned ħadu sehem bid-daqq ta’ innijiet waqt quddiesa tal-okkażjoni li ġiet iċċelebrata fil-knisja parrokkjali ta’ Mathi.

Kienet esperjenza kbira u sabiħa għal din is-soċjetà li fetħet bibien ġodda u awgurju għal futur sabiħ mimli opportunitajiet.
Sabiex jibqa’ tifkira, hawn taħt qed inġibu d-diskors tal-okkażjoni li sar mis-Segretarju Ġenerali s-Sur Joseph Caruana.
Diskors tal-okkażjoni – Kunċert Mużikali mill-Banda Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr f’Mathi – Il-Ħadd, 16 ta’ Diċembru 2018

(Ritratt: Mro Tancred Grech jidderieġi l-mass band magħmula mill-Banda Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr u l-Banda Principessa Yolanda ta’ Mathi waqt il-kunċert tal-Milied li ż-żewġ baned taw nhar il-Ħadd, 16 ta’ Diċembru 2018 f’Mathi)

Rispettabbli Sindku s-Sur Maurizio Faricello u s-Sindku s-Sur Paul Vella, ħuti Maltin u ħbieb tiegħi Taljani, f’isem il-President u sħabi tal-kumitat eżekuttiv tas-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr nagħtikom merħba. Għall-ewwel darba qed nagħmel dan il-messaġġ tal-okkażjoni, f’okkażjoni speċjali iktar mis-soltu. Illum il-banda tagħna l-Imġarrin kompliet tikteb l-istorja glorjuża tagħha. Għal darb’oħra kompliet miexja ’l quddiem b’passi ta’ ġgant. Dan għaliex għad li ilna biss 7 snin imwaqqfin, ġejna mistiedna mill-Komun ta’ Mathi biex inkunu ambaxxaturi ta’ raħalna kif ukoll tal-gżejjer tagħna. Hu ta’ sodisfazzjon kbir għalija, Joseph Caruana, li wara xhur sħaħ ta’ ħidma u preparamenti, illum qegħdin hawn.

Illum il-banda żagħżugħa tagħna kitbet l-istorja u mmarkat l-ewwel safra tagħha. Esperjenza li żgur se tibqa’ fil-memorji tagħna lkoll. Dan kollu grazzi għall-Komun ta’ Mathi, li fl-okkażjoni tal-10 sena mis-siġill tal-ġemellaġġ mal-kunsill lokali tagħna għoġbu jistedinna. Hu importanti ħafna għalina dan il-jum, u żgur se nibqgħu niftakruh u nfakkruh. Illum għamilna dak li baned li ilhom snin twal imwaqqfin għadhom ma għamlux.

Dan kollu żgur ma kienx ikun possibbli li kieku ma kienx hemm l-imbuttatura ta’ ħafna individwi. Fuq quddiem nett insemmi lis-Sindku tagħna Paul Vella, li emmen bis-sħiħ f’din iż-żjara u tana l-appoġġ kollu meħtieġ, u lil sħabna t-Taljani, b’mod speċjali lis-Sur Carlo Sopetti, li ħa paċenzja kbira bina biex għamilna din iż-żjara. Nixtieq nirringrazzja lis-Surmast Direttur tagħna Tancred Grech u lill-mużiċisti kollha, li taħt it-tmexxija tiegħu preparaw sew għal dan l-avveniment. Nixtieq nirringrazzja lilkom li akkumpanjajtuna f’din iż-żjara, u lilkom, ħbieb ta’ Mathi, li segwejtuna u għażiltu li l-banda tagħna tkun preżenti fil-jum tal-inawgurazzjoni tas-sede tagħkom. Aħna nifhmu kemm hu jum importanti għalikom illum li qed tinawguraw id-dar tal-banda tagħkom. Aħna wkoll għaddejjin bil-proġett tal-każin, u jekk hu possibbli għalikom ikun ta’ sodisfazzjon kbir għalina li meta ninawguraw il-każin tagħna intom tonorawna bil-preżenza tagħkom.

Qabel nagħlaq nixtieq nirringrazzja lil sħabi kollha tal-kumitat, speċjalment lil dawk li ġew hawn mal-banda; minn qalbi nirringrazzjahom tal-appoġġ li jagħtuni. Għadkom ma tafux kemm inħossni grat lejkom. Grazzi wkoll lill-familja tiegħi u lill-familjari ta’ sħabi tal-kumitat tas-sagrifiċċju li jagħmlu.

Minn qalbi nixtieq nawguralkom Milied hieni u xewqat sbieħ għas-sena l-ġdida.

Dan id-diskors kien sar bit-Taljan.


It-tieni safra tal-Banda Marija Mtellgħa s-Sema, tal-Imġarr

Ritratt tal-okkażjoni meħud wara l-kunċert li sar fil-Palazz Irjali ta’ Caserta, 24 ta’ Frar, 2020. Fir-ritratt tidher il-Banda Marija Mtellgħa s-Sema, flimkien mal-Kor Regina Coeli, u mal-membri tal-kumitat eżekuttiv, is-Sindku u l-kunsilliera tal-Imġarr.

Għalkemm is-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema, tal-Imġarr, twaqqfet biss 8 snin ilu, din l-għaqda diġà kellha bosta suċċessi u daqqet f’bosta lokalitajiet fil-gżejjer Maltin. Mhux biss, fis-sena 2018 il-Banda kellha l-ewwel safra tagħha fejn kienet mistiedna mill-Komun ta’ Mathi, li jifforma parti mill-Provinċja tal-Piemonte u l-Belt Metropolitana ta’ Turin, biex tagħmel servizz f’dan ir-raħal flimkien mal-banda tal-lokal. L-okkażjoni kienet is-siġill tal-ġemelaġġ li għandhom iż-żewġ irħula.

Il-ħbiberija bejn iż-żewġ lokalitajiet, u naturalment bejn il-baned tagħhom, baqgħet tikber u tissaħħaħ. Tant hu hekk li fuq stedina tal-Banda Prinċipessa Yolanda ta’  Mathi, il-Banda Mġarrija kellha l-okkażjoni li tagħmel programm fil-Capella Palatina tal-Palazz Irjali ta’ Caserta, binja t’importanza kbira li hi patrimonju dinji tal-UNESCO. Dan il-mument żgur ser jibqa’ mfakkar fl-istorja taż-żewġ baned. Flimkien mal-Banda Mġarrija ħa sehem ukoll il-Kor Regina Coeli  tal-Imġarr.

Ritratt tal-grupp li akkumpanja lill-Banda Mġarrija fil-mawra li għamlet l-Italja. Ir-ritratt hu meħud quddiem il-Palazz Irjali ta’ Caserta

Grupp sabiħ ta’ Mġarrin u ħbieb akkumpanjaw lill-Banda f’din iż-żjara li għamlet fil-Provinċja ta’ Campania. Il-qofol ta’ din is-safra ntlaħaq, bla ebda dubju, nhar it-Tnejn 24 ta’ Frar, 2020, il-jum tal-programm fil-Palazz Irjali. Il-preparamenti kien ilhom għaddejjin xhur u l-istennija kienet waħda kbira ħafna. Mill-ewwel deher li kien se jkun mument impekkabbli. Waqt il-provi kien jidher entużjażmu kbir kemm mill-bandisti kif ukoll mis-solisti u mill-koristi li taħt id-direzzjoni tas-surmastrijiet tagħhom għamluna tassew kburin.

Sebaħ il-jum tat-Tnejn 24 ta’ Frar, 2020 u wara li l-kontinġent Malti ħa l-kolazzjoni, erħilha lejn Caserta ftit kilometri ’l bogħod mill-post fejn konna qed noqogħdu f’din iż-żjara. Mal-wasla għamilna dawra fil-Palazz Irjali biex norjentaw ruħna. Kulħadd baqa’ impressjonant b’li ra u xtaq li jagħmel dak kollu possibbli biex kollox imur kif mixtieq. Kmieni waranofsinhar saret prova ġenerali tal-programm bis-sehem tal-kor u l-banda Taljana. Il-ħin tat-3.30 pm beda joqrob u f’ħakka t’għajn il-Capella mtliet bin-nies li ġew biex jaraw dan il-kunċert.

Mro Tancred Grech jidderieġi l-Banda Mġarrija flimkien ma’ dik ta’ Mathi, fit-tielet parti tal-programm waqt li l-Kor Regina Coeli kien qed ikanta l-Innu Popolari, “L-Imġarr Iben Marija”.

Kif kien ippjanat il-kunċert beda fit-3.30 pm. Dan il-kunċert kien preżentat mill-Imġarrija Claudine Muscat. Il-programm kien maqsum fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti daqqet il-Banda Mġarrija, fit-tieni parti l-Banda ta’ Mathi u fl-aħħar parti daqqew iż-żewġ baned flimkien. Il-Banda Marija Mtellgħa s-Sema, tal-Imġarr, fetħet dan il-programm bl-Innu Popolari “Infaħħruk Dejjem” li għandu lirika ta’ Joseph Caruana u mużika tas-Surmast Tancred Grech. Dan l-Innu tkanta mis-Soprano Pauline Vella. Wara, il-Banda daqqet diversi xogħlijiet oħra fosthom “La Vergine degli Angeli”, fejn kienet akkumpanjata wkoll mill-Kor, it-talba “Ave Maria” xogħol il-kompożitur Malti Joseph Fenech, “Benediction”, “Amazing Grace” u “Abide With Me” . Il-Banda Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr kienet immexxija mis-Surmast Direttur Tancred Grech filwaqt li l-Kor Regina Coeli kien taħt it-tmexxija tas-Surmast Mary Cauchi.

Wara li l-Banda Prinċipessa Yolanda ta’ Mathi daqqet fit-tieni parti, iż-żewġ baned reġgħu ngħaqdu flimkien għat-tielet parti. F’din il-parti l-Banda Mġarrija għażlet li jindaqq l-Innu Popolari, “L-Imġarr Iben Marija” fejn għal darb’oħra ħa sehem il-Kor.

Għal din l-okkażjoni nħadem ukoll programm ta’ tifkira biex jibqa’ mfakkar dan l-avveniment. Waqt il-programm kien hemm ukoll diskorsi tal-okkażjoni mis-Sindki ta’ Mathi u tal-Imġarr kif ukoll minn rappreżentanti taż-żewġ baned.

Filgħaxija ġiet organizzata ikla flimkien.Waqt din l-ikla sar skambju ta’ rigali bejn il-partijiet. Il-Banda Mġarrija ġiet ippreżentata bi standard tal-Italja biex jibqa’ mfakkar li din il-Banda żagħżugħa għandha rabtiet ma’ dan il-pajjiż, kif ukoll biex jikkomemora ż-żewġ żjarat li l-Banda Mġarrija għamlet fl-Italja.

Is-Sindku tal-Imġarr, is-Sur Paul Vella jippreżenta tifkira lis-Segretarju Ġenerali s-Sur Joseph Caruana

 

Il-Banda Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr tiġi ppreżentata bi standard tal-Italja biex ifakkar ir-rabta li din l-għaqda għandha ma’ dan il-pajjiż u ż-żewġ safriet li għamlet fl-Italja fis-sena 2018 u din is-sena.
Dehra tal-udjenza u l-Banda Marija Mtellgħa s-Sema, tal-Imġarr fil-Capella Palatina tal-Palazz Irjali waqt il-kunċert.
Il-programm ta’ tifkira li ġie mħejji apposta.