Ir-raħal tal-Imġarr jinsab fil-Majjistral ta’ Malta. L-art għammiela li hu mdawwar biha dan ir-raħal sa mill-qedem ġibdet lejha nies li għarfu jaħdmuha għall-għejxien tagħhom. Il-parti l-kbira tal-popolazzjoni tal-Imġarr huma bdiewa, jew għandhom rabta mal-agrikoltura.
L-ewwel ħjiel li għandna ta’ nies joqogħdu hawn tmur lura għal madwar 5,200 sena qabel Kristu, billi nstabu fdalijiet t’għerejjex fejn it-tempji ta’ Skorba. Skorba u Ta’ Ħaġrat huma żewġ tempji preistoriċi li jmorru lura għal madwar 3,600 q.K. Dawn iż-żewġ siti huma mniżżlin fil-lista ta siti ta’ wirt dinji tal-UNESCO.
Fil-kampanja Mġarrija nsibu bosta għejun tal-ilma ġieri. Dawn minn dejjem kienu importanti għall-biedja, imma f’xi postijiet kienu jintużaw għal affarijiet oħra, bħal fil-każ tal-banjijiet Rumani li nstabu fl-1929. Dawn il-fdalijiet jinsabu fil-post magħruf bħala ‘l-Ġnien t’Għajn Tuffieħa’ u jmorru lura għal bejn is-seklu wieħed u s-seklu tnejn w.K.
Il-kosta tal-Imġarr tibda minn Fomm ir-Riħ u tinkludi l-bajjiet tal-Ġnejna u Għajn Tuffieħa. Dawn iż-żewġ bajjiet fl-imgħoddi kienu jintużaw mis-sibbien biex jistkennu jew jinżlu l-art minnhom. Meta f’Mejju tal-1565 il-flotta Ottomana waslet Malta, qattgħet l-ewwel lejl fil-kenn tal-Bajja tal-Ġnejna. Dan kien il-bidu tax-xhur imdemmija magħrufa bħala ‘l-Assedju l-Kbir’. Fis-seklu sbatax il-Kavallieri ta’ San Ġwann bnew żewġ torrijiet biex jgħassu dawn l-inħawi.
L-Ingliżi komplew isaħħu d-difiża ta’ Malta billi bnew linja difensiva twila 12-il kilometru li taqsam lil Malta mill-irdum ta’ Fomm ir-Riħ sal-Madliena. Il-Victoria Lines tlestew lejn l-aħħar tas-seklu 19 u magħhom inbnew tliet fortizzi. Il-fortizza ta’ Binġemma, mibnija fil-blat ta’ għolja li tħares fuq l-Imġarr, illum hija mfittxija mid-dilettanti tal-paragliding
L-Imġarr hu magħmul minn diversi żoni. Dawn iż-żoni huma l-Abatija, il-Ballut, Binġemma, Binġemma Gap, Dar il-Ħamra, id-Darrenzi, id-Dwejra, il-Fawwara, Fomm ir-Riħ, il-Bajja tal-Ġnejna, Għajn Tuffieħa, Għemieri, Ħanxara, il-Ħotba ta’ San Martin, iċ-Ċagħaq, iċ-Ċarċar, id-Dahar, il-Għalqa, l-Imselliet, l-Iskorvit, Lippija, Misraħ Miet, Ras il-Pellegrin, Ras il-Wied, Skorba, Ta’ Mrejnu, Ta’ Tewma, Tal-Għajn, Ta’ Qarawas, Tal-Faċċol, Tal-Ħżejjen, Tal-Palma, Tal-Qanfud, Tar-Ragħad, Tas-Santi, Wied Santi, il-Wied tal-Ġnejna, il-Wied tal-Imselliet u ż-Żebbiegħ.
L-Imġarr sar parroċċa f’Ottubru 1898, fi żmien l-Isqof Pietru Pace. Il-festa titulari hija t-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija. Malajr beda jinħass il-bżonn ta’ knisja ikbar; għalhekk fl-1912 tqiegħdet l-ewwel ġebla tal-knisja li naraw illum. Inbniet b’forma elittika għax il-kappillan kien riedha tixbah lill-knisja tal-Lunzjata tal-patrijiet Karmelitani li nsibu fl-Imdina.
L-Imġarrin xtaqu li jkollhom statwa ta’ Santa Marija, imma minħabba l-bini tal-knisja l-kappillan ma xtaqx jidħol f’aktar spejjeż. Kien għalhekk li numru ta’ rġiel ftiehmu miegħu li jħallsu l-ispejjeż tal-istatwa, bil-patt li l-ewwel purċissjoni jerfgħuha huma. L-istatwa nħadmet Marsilja u waslet l-Imġarr f’April tal-1922. It-tieni sena li ħarġet l-istatwa r-reffiegħa ntalbu jagħmlu offerta. Din id-drawwa baqgħet sal-lum. Wara t-talba tal-Angelus nhar il-festa l-gaj ta’ reffiegħa li jagħti l-ogħla offerta jkollu l-unur li jerfa’ l-vara ta’ Santa Marija dik il-lejla. Il-festa tiġi ċċelebrata Ħadd fuq il-ħmistax t’Awwissu. Matul iż-żmien l-Imġarr kellu diversi kappillani. Il-kappillan tal-lum huwa Dun George J. Schembri.
Illum il-ġurnata l-Imġarr kiber mhux ħażin. Inbnew bosta djar u anke ġew joqogħdu bosta familji minn barra. Madankollu xorta għadu kkunsidrat bħala raħal kwiet, b’arja nadifa ’l bogħod mill-attività industrijali ta’ pajjiżna. L-ewwel kunsill lokali tal-Imġarr twaqqaf fit-22 ta’ Jannar 1994 b’elezzjoni fl-Imġarr. Is-Sindku tal-lum huwa s-Sur Paul Vella. Il-motto tal-Imġarr huwa ‘Raħal żgħir b’qalb kbira’. Ir-raħal tal-Imġarr għandu ġemellaġġ ma’ dak ta’ Mathi, li hu parti mill-belt metropolitana ta’ Turin fil-provinċja tal-Piemonte fl-Italja.