Wara il-konkors għall-Logo tal-10 Anniversarju ġie magħżul dak tal-Artist George James Cutajar Zahra.
Dan il-Logo jifforma parti mill-Proġett Flimkien Lejn l-10 li hu ffinanzjat taħt l-iskema Small Initiatives Support amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.
Min hu George James Cutajar Zahra?
George James Cutajar Zahra (1987 – )
Mwieled ir-Rabat Għawdex, l-artist ħa l-ewwel tagħlim tal-arti mid-dar peress li hu ġej minn familja ta’ artisti. L-artist huwa iben Joseph Cutajar Zahra (1957 – ) skultur prolifiku lokali. Isem, ħuħ Michael Cutajar Zahra, huwa wkoll popolari fejn jidħol xogħol ta’ skultura varja.
Iktar tard, l-artist studja l-arti taħt diversi artisti stabbiliti speċjalment dawk li tgħallem mingħandhom waqt l-kors fl-Universita ta’ Malta. Dawn waslu biex fl-2009, Cutajar Zahra rċieva Baċellerat fl-Edukazzjoni tal-Arti bl-unuri mill-istess istituzzjoni edukattiva.
Cutajar Zahra huwa wieħed mill-artisti ewlenin fejn tidħol pittura partikolarment żejt fuq it-tila. Barra min hekk, huwa ikollu diversi kummissjonijiet ta’ xogħol ta’ arti sagra – dekorazzjoni u armar tal-festi Maltin fosthom pavaljuni tat-triq jew tal-gallerija, bandalori u bnadar. Barra li jieħu ħsieb il-pittura, l-artist jieħu ħsieb il-proċess kollu li jwassal sabiex isiru dawn ix-xogħolijiet jiġifieri, jipprepara d-disinji, jissorvelja l-ħjata u jisfuma d-drapp ukoll.
Barra li x-xogħolijiet ta’ Cutajar Zahra jistgħu jitgawdew fit-toroq u l-pjazzez imżejnin għal festi tagħna, oħrajn jinsabu f’każini u residenzi privati, madwar il-gzejjer Maltin u xi uħud barra minn xtutna.
Cutajar Zahra kapaċi jkun versatili ħafna fix-xogħolijiet artistiċi tiegħu infatti huwa jimpenja ruħu wkoll b’kummissjonijiet privati fejn fihom jesperimenta b’media differenti.
Minbarra li l-artist iqatta ħafna ħin fl-istudio tiegħu li jinsab fir-Rabat Għawdex, huwa jgħożż ħafna f’qalbu l-fatt li huwa għalliem tal-arti. Preżentament Cutajar Zahra jgħallem l-arti fl-iskejjel primarji tal-istat, fejn huwa jagħmel ħiltu kollha biex jgħaddi l-passjoni tiegħu u l-apprezzament lejn l-Arti lill-ġenerazzjoni ġejjiena.