L-istorja tas-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema – il-Banda tal-Imġarr

2011


Kien propju ftit ġimgħat wara l-festa titulari tas-sena 2011 meta Joseph Caruana beda jfittex xi nies biex flimkien iwettqu l-ħolma li l-Imġarr, bħal kull raħal ieħor, ikollu l-banda tiegħu.

Dawk li mexxew l-ewwel laqgħa ġenerali tal-banda, li matulha twaqqfet uffiċjalment is-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr

L-ewwel pass sar nhar it-Tlieta, 14 ta’ Ottubru 2011 meta fil-maħżen tal-knisja saret l-ewwel laqgħa tal-kumitat ad hoc ta’ din is-soċjetà ġdida. Għal din il-laqgħa flimkien ma’ Joseph Caruana attendew Giovanni Gatt, Clayton Gauci, Silvio Camilleri, Victor Mifsud u Paul Said. Ġie deċiż li jibdew jinġabru l-membri, biex kif jintlaħaq numru konsiderevoli tissejjaħ laqgħa ġenerali u titwaqqaf uffiċjalment is-soċjetà.

Dawk preżenti waqt l-ewwel attività li organizzajna b’risq il-banda tal-Imġarr fil-Hatch Bar, l-Imġarr nhar is-Sibt, 12 ta’ Novembru 2011

 

L-aħbar li fl-Imġarr se titwaqqaf banda mill-ewwel ġriet. Ir-reazzjonijiet kienu mħallta: kien hemm min ħa pjaċir iżda oħrajn ma kinux daqshekk pożittivi u ottimisti li din il-ħolma xi darba ssir realtà.

Il-kumitat b’determinazzjoni baqa’ miexi ’l quddiem. Kienu diġà nġabru diversi membri u x-xogħol fuq l-istatut kien kważi lest. Joseph Caruana, is-Segretarju ad hoc, kien ħa ħsieb jikteb dan l-istatut, b’konsultazzjoni mal-Għaqda Każini tal-Banda u mal-Uffiċċju tal-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji. Kulma kien jonqos kien li l-istatut jiġi vverifikat f’dak li hu l-aspett legali. Dan ix-xogħol ġie fdat f’idejn l-Avukat Ingrid Fenech. Fil-11 ta’ Ottubru 2011 saret it-tieni laqgħa tal-kumitat ad hoc, din id-darba f’Ta’ Swiegel Farmhouse fi Triq Sir Harry Luke, l-Imġarr. Għal din il-laqgħa attenda Christian Vella, biex mela l-post battal li ħalla Silvio Camilleri, li ma xtaqx ikompli fil-kumitat. Waqt din il-laqgħa ġie deċiż li fit-13 t’Ottubru 2011 tinżamm  l-ewwel laqgħa ġenerali tas-soċjetà biex matulha tiġi mwaqqfa uffiċjalment is-soċjetà. Ġie deċiż ukoll li l-għada titqassam ċirkulari lill-membri kollha biex jiġu mistiedna jattendu għal din il-laqgħa. Għal-laqgħa ġenerali ġew mistiedna l-Avukat Ingrid Fenech biex tmexxi l-laqgħa u s-Segretarju tal-Għaqda Każini tal-Banda s-Sur Joseph C. Azzopardi.

Il-jum tat-13 t’Ottubru 2011 wasal u l-membri attendew bi ħġarhom għat-twaqqif tal-banda tal-Imġarrin. Kien għall-ħabta tat-8 ta’ filgħaxija meta fil-bini tal-kunsill lokali twaqqfet uffiċjalment din is-soċjetà, li rabtet isimha mal-patruna ta’ raħalha – Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema, l-Imġarr AD 2011. Waqt din il-laqgħa, filwaqt li ġie approvat l-istatut tas-soċjetà, inħatar l-ewwel kumitat eżekuttiv. Il-kumitat eżekuttiv inħatar hekk:

President:  Giovanni Gatt
Segretarju Ġenerali:  Joseph Caruana
Kaxxiera:  Mary Abela
Viċi President: Clayton Gauci

filwaqt li Victor Mifsud, Angela Muscat, Paul Said u Christian Vella nħatru membri fil-kumitat. Il-kappillan ta’ dak iż-żmien Fr Antoine Borg inħatar direttur spiritwali tas-soċjetà.

L-ewwel laqgħa tal-kumitat eżekuttiv inżammet f’Ta’ Swiegel Farmhouse nhar it-Tlieta, 18 t’Ottubru 2011.

Il-kumitat mill-ewwel ħaseb biex jibda jgħallem il-mużika lill-Imġarrin. Għalhekk intlaħaq ftehim mat-tmexxija tal-Oratorju Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija biex l-għaqda tuża l-oratorju kemm biex tgħallem il-banda lit-tfal tal-Imġarr u saħansitra biex isiru l-laqgħat tal-kumitat.  Il-pass li jmiss kien li jintgħażel surmast direttur. Il-kumitat għażel lil Mro Mario Testa biex ikun l-ewwel surmast direttur tal-banda. Bla telf ta’ żmien saret stedina lir-residenti kollha Mġarrin biex min jixtieq jitgħallem il-banda, nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Novembru 2011 jattendi l-oratorju bejn il-5 u s-7 ta’ filgħaxija għal-lezzjonijiet. Mill-ewwel deher li se jkun hemm rispons tajjeb, għax minn meta tqassmet l-istedina sa dakinhar tal-lezzjonijiet it-telefonati ma qatgħu xejn.

Il-jum tat-23 ta’ Novembru wasal u l-oratorju kien mimli bit-tfal u ż-żgħażagħ. Minn raħal ċkejken attendew madwar 40 persuna biex jibdew jitgħallmu l-banda.

Sadanittant is-Segretarju kien diġà applika biex is-soċjetà tikseb ir-reġistrazzjonijiet meħtieġa. Fit-30 ta’ Novembru 2011 is-soċjetà tagħna saret l-ewwel għaqda fl-Imġarr reġistrata bħala NGO. Ftit ġranet wara s-soċjetà ġiet ukoll reġistrata bħala persuna ġuridika. Dan b’ċertifikat mogħti lilha datat 20 ta’ Diċembru 2011. Il-kumitat kien ħa ħsieb ukoll li jinforma lill-Kappillan, lill-Kurja u l-awtoritajiet li fl-Imġarr twaqqfet banda.

Il-lezzjonijiet tal-banda qabdu ritmu tajjeb u l-kumitat baqa’ miexi bil-ħidma tiegħu filwaqt li ħaseb biex ikollu l-arma uffiċjali. Bord maħtur apposta għażel id-disinn tal-artist Albert Borda.

Il-finanzi kienu limitati għas-soċjetà. Fil-fatt ġiet organizzata attività nhar is-Sibt, 12 ta’ Novembru 2011 f’Tal-Qiegħa Recreation Bar fi Triq Fisher, l-Imġarr biex jinġabru ftit fondi. Waqt din l-attività l-kumitat ippreżenta lis-Surmast Mario Testa lil dawk preżenti. Biex jinġabru iktar fondi l-President Giovanni Gatt ħareġ bl-idea li jitqassmu l-envelopes fid-djar u jinġabru triq triq. Kien f’dan iż-żmien li l-kumitat ordna l-istrumenti tal-perkussjoni bi spiża totali li laħħqet l-€1,700.


2012


Fi Frar 2012, waqt laqgħa tal-kunsill tal-Għaqda tal-Każini tal-Banda, is-soċjetà tagħna, dakinhar rappreżentata mis-Segretarju Joseph Caruana, ġiet affiljata bħala membru f’din l-assoċjazzjoni tal-baned Maltin u Għawdxin.Imma sfortunatament il-kumitat ma damx ma sab ma’ wiċċu problema kbira. F’ittra datata 11 t’April 2012, mibgħuta mill-kumitat tal-Oratorju Qalb bla Tebgħa ta’ Marija, il-kumitat ġie infurmat li b’effett immedjat is-soċjetà ma kellhiex tibqa’ tagħmel użu minn dan il-post.

Ma seta’ jintuża għal ebda skop, jiġifieri la għat-tagħlim, la għal-laqgħat u wisq anqas għall-attivitajiet. Ir-raġuni mogħtija fl-ittra kienet li l-oratorju għandu jintuża biss għall-formazzjoni spiritwali u reliġjuża. Il-kumitat tal-banda aċċetta d-deċiżjoni tal-kumitat tal-oratorju u bagħatlu ittra ta’ ringrazzjament flimkien ma’ donazzjoni ta’ €50 bħala apprezzament għaż-żmien li dam juża l-oratorju, jiġifieri minn Novembru 2011 sa April 2012. Dan kien ifisser li jeħtieġ jinstab post fejn isir it-tagħlim tal-banda u l-laqgħat tal-kumitat. F’dan iż-żmien Paul Said irriżenja mill-kumitat minħabba raġunijiet personali.

Il-Banda Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr waqt l-ewwel servizz tagħha dakinhar tat-tberik u l-inawgurazzjoni tal-banda

Il-President mill-ewwel offra l-post tiegħu, Ta’ Swiegel Farmhouse, biex il-laqgħat jinżammu hemm u l-kunsill lokali offra l-binja tiegħu biex isir it-tagħlim tal-banda.

B’hekk it-tagħlim tal-mużika baqa’ miexi u ma waqaf qatt. Ftit jiem wara numru sabiħ ta’ allievi kienu waslu biex jibdew jipprattikaw bl-istrument. Ġara iżda li sfortunatament, minħabba għajdut li kien hawn li l-banda ma kinitx se tkompli, xi ġenituri tal-allievi bdew jaħsbuha darbtejn jixtrux strument lit-tfal tagħhom.

Il-kumitat iddeċieda li jagħmel laqgħa għall-allievi u l-ġenituri u f’din il-laqgħa spjega li l-kumitat hu determinat li jibqa’ miexi ’l quddiem. Il-ġenituri fehmu l-pożizzjoni tal-kumitat u kkonvinċew ruħhom tant li bdew jixtru l-istrumenti.

Il-kunsill lokali minn dejjem kien fuq quddiem biex jgħin lis-soċjetà tagħna. Nhar il-Ħadd, 6 ta’ Mejju 2012 il-kunsill tella’ tifkira biex ifakkar il-vittmi tal-gwerra Mġarrin. Għal din l-okkażjoni talab l-għajnuna tas-soċjetà biex tieħu ħsieb li ssib bandisti hi biex jieħdu sehem f’din l-attività. Fl-istess jum it-tim tal-futbol tal-Mġarr United kellu logħba deċiżiva biex jiġi promoss fit-tieni diviżjoni. Il-kumitat xtaq li għal waqt din il-partita s-soċjetà tagħna torganizza banda żgħira biex ikun hemm il-briju fil-grawnd. Minkejja l-limitazzjonijiet il-banda Mġarrija tat is-sehem tagħha mill-aħjar li setgħet f’dawn iż-żewġ avvenimenti.

Fr David Muscat ibierek il-banda tal-Imġarr nhar is-Sibt, 12 ta’ Awwissu 2012

Bil-għajnuna tal-Għaqda Każini tal-Banda u wara diversi konsultazzjonijiet ġie deċiż li ssir l-inawgurazzjoni u t-tberik tal-banda nhar is-Sibt, 11 t’Awwissu 2012. Id-deċiżjoni finali ttieħdet fil-bidu ta’ Ġunju u minn dakinhar il-ħidma intensifikat. Saru diversi attivitajiet biex jinġabru l-fondi u nġabru ħafna sponsors biex is-soċjetà ppubblikat ktieb ta’ tifkira fl-okkażjoni tat-tberik u l-inawgurazzjoni tal-banda. Donazzjonijiet oħra kienu essenzjali biex is-soċjetà jkollha l-istandard tagħha. Dan ġie rregalat mill-President Giovanni Gatt, standard ieħor ta’ Malta ġie rregalat mill-President Onorarju Louis Vella filwaqt li l-istandard tal-Imġarr kien irregalat mill-President Onorarju t-Tabib Godfrey Farrugia. Il-President Onorarju u n-Nutar tal-każin Tony Abela rregala sett zinninatri. Fil-bidu ta’ Lulju 2012 is-Sinjura Maria Vella ġiet co-opted fil-kumitat u ngħatat il-kariga ta’ P.R.O. Dan ġara wara li s-Sur Victor Mifsud ma baqax jifforma parti mill-kumitat eżekuttiv.

Biex  ikun possibbli li l-banda ddoqq il-kumitat ħaseb li jkollu sett ta’ marċi brijużi. Dan is-sett ta’ marċi ġie rregalat kollu bla ħlas mill-kompożituri u l-familjari tagħhom. Barra minn hekk is-Surmast Mario Testa ħa ħsieb il-kompożizzjoni tal-innu tal-banda. Il-versi ta’ dan l-innu nkitbu mill-Kavallier Ġorġ Bianchi. Ma’ dawn il-marċi s-soċjetà ngħatat il-permess li ddoqq l-innu tant għażiż għall-Imġarrin L-Imġarr Iben Marija, li għandu mużika tas-Surmast Vincenzo Ciappara u lirika tas-Surmast Gianni Cilia.

Fil-bidu ta’ Ġunju s-soċjetà kompliet timxi ’l quddiem u tissoda t-tagħlim tagħha. Dan deher ċar meta l-Bord tal-Kwalifiki aċċetta li t-tagħlim li jieħdu l-allievi fi ħdan l-għaqda tagħna jkun imniżżel fiċ-ċertifikat ta’ school leaving tagħhom.

L-ammont ta’ allievi dejjem kien konsistenti, u dan baqa’ jimliena b’kuraġġ. F’Lulju 2012 Mro Nicholas Vella nħatar assistent surmast u għalliem tal-istrumenti tal-qasba. Xi ġimgħat wara Vella nħatar surmast direttur u Mro Tancred Grech inħatar assistent surmast u għalliem tas-sezzjoni tar-ram u l-perkussjoni.

Bil-mod il-mod bdejna noqorbu lejn jum l-inawgurazzjoni u t-tberik tal-banda. Sebaħ il-jum tant mistenni tas-Sibt, 11 t’Awwissu 2012. Jum l-inawgurazzjoni u t-tberik tal-Banda Marija Mtellgħa s-Sema. Kien jum storiku u memorabbli li kulħadd għadu jiftakar. Dakinhar wara li saret quddiesa ta’ radd il-ħajr sar it-tberik tal-banda mir-Rev. Fr David Muscat. Imbagħad il-Banda Marija Mtellgħa s-Sema daqqet għall-ewwel darba l-innu tagħha u l-innu ferm għal qalb l-Imġarrin – L-Imġarr Iben Marija.

Wara l-banda, akkumpanjata mill-partitarji u l-parruċċani, daqqet għall-ewwel darba marċi brijużi fit-toroq tal-Imġarr


2013

Il-banda tesegwixxi l-ewwel programm mużikali tagħha fuq il-planċier fil-festa ta’ Santa Marija fl-2013

Wara l-inawgurazzjoni l-kumitat eżekuttiv ħadem kemm felaħ biex is-soċjetà tingħata d-dritt li tieħu sehem fil-festa titulari ta’ Santa Marija, patruna tal-Imġarr. Dan kollu wasal grazzi għal ftehim li ntlaħaq mal-Fondazzjoni Festi u Kultura Mġarr. Ftehim li daħal fis-seħħ fil-festa tal-2013. F’din l-istess festa ħarġu l-ewwel bandisti Mġarrin idoqqu mal-banda tagħna.

Ftit xhur wara l-kumitat ħass li għandu jagħmel żvolta oħra fit-tagħlim tal-mużika. Għalhekk Mro Tancred Grech inħatar surmast direttur u Mro Neville Pace inħatar assistent surmast u għalliem tal-istrumenti tal-qasba. B’din id-deċiżjoni l-banda ħadet spinta kbira ’l fuq. Twaqqfet ukoll il-Kummisjoni Banda biex tgħin lill-għalliema u l-kumitat eżekuttiv f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-banda. Kien hawn li l-banda tagħna bdiet tiġi mistiedna biex tagħmel ukoll servizzi barra mir-raħal tagħna.

Tul iż-żmien is-soċjetà baqgħet tiġġedded u bis-saħħa ta’ bosta tibdiliet li għamlet illum għandha skola tal-mużika li toffri tagħlim ta’ livell għoli b’numru sabiħ ta’ allievi u bandisti li jippromettu.


2015

Il-banda waqt wieħed mis-servizzi li għamlet barra r-raħal, fil-festa ta’ Marija Addolorata f’San Pawl il-Baħar, nhar it-23 ta’ Lulju 2015

F’Settembru 2015 il-kumitat ħass il-ħtieġa li jkompli jinvesti fit-tagħlim tal-mużika. Minħabba żieda fin-numru ta’ allievi Beatrix Calleja nħatret għalliema tal-istrumenti tal-qasba. Dan seħħ biex tingħata iktar attenzjoni lill-allievi u l-bandisti tagħna. F’Jannar 2016 il-kumitat iddeċieda li jwaqqaf skola tal-mużika. Mro Mauro Spiteri nħatar assistent surmast u għalliem tat-teorija filwaqt li Mro Henry Fenech inħatar għalliem tal-istrumenti tal-qasba. B’hekk issa beda jiġi offrut ukoll it-tagħlim tat-teorija tal-mużika taħt il-kappa tal-London College of Music.

Is-servizzi mużikali huma importanti ħafna. Dawn mhux biss ifissru esperjenzi ġodda iżda mezz ta’ pubbliċità wkoll. Mit-twaqqif ’l hawn il-banda tagħna għamlet bosta servizzi mużikali, kemm fl-Imġarr kif ukoll fi rħula u bliet oħra Maltin u anke barra minn xtutna.

Il-banda ilha tagħti sehem sħiħ fil-festa titulari ta’ Santa Marija sa mill-2013. Daqqet ukoll f’servizzi filantropiċi u fil-pussess tal-Kappillan Mons. Kalċidon Vassallo u Dun George J. Schembri. Ta’ min isemmi li l-banda daqqet fil-festa ta’ Marija Addolorata ċċelebrata f’San Pawl il-Baħar fis-snin 2014 u 2015. Fil-festa tas-Salvatur f’Ħal Lija ilha tiehu sehem sa mill-2014, fil-festa ta’ Sant’Anna ta’ Wied il-Għajn mis-sena 2016 ’l hawn, fil-festa ta’ San Duminku fil-Belt kapitali Valletta bejn l-2016 u l-2018. Dawn is-servizzi jagħmlu isem lil raħal twelidna u jikkonfermaw il-popolarità u l-istima li l-banda tagħna qed tgawdi.

Il-programmi mużikali li tagħmel il-banda tagħna huma ta’ livell għoli. Żgur li kulħadd jiftakar il-kunċert sagru li sar fis-sena 2015 fil-knisja meta l-banda tagħna daqqet għall-ewwel darba l-innu l-kbir lil Santa Marija, ta’ Mro Joseph Abela Scolaro. Hawn il-banda kienet akkumpanjata mill-kor tal-parroċċa Regina Coeli, li kien taħt it-tmexxija ta’ Mro Mary Cauchi. Niftakru wkoll dak tas-sena 2016, għax kien propju waqt dan il-kunċert li tnediet is-CD li l-banda tagħna rrekordjat, bl-innijiet li jindaqqu fil-festa tagħna, xewqa oħra ta’ bosta Mġarrin u emigranti li saret realtà. L-innu popolari Infaħħruk Dejjem, li l-banda tagħna żanżnet fl-okkażjoni tal-ħames sena mit-twaqqif u li żżanżan waqt dan il-programm, żgur se jibqa’ għażiż għalina. Dan għandu mużika tas-Surmast Direttur tagħna Tancred Grech filwaqt li l-lirika għamilha s-Segretarju u fundatur tas-soċjetà Joseph Caruana.


2018

L-ewwel safra tal-banda
Mġarrija, f’Mathi Turin Diċembru 2018.

Ta’ min isemmi wkoll dak li sar fis-sena 2018 fil-knisja ta’ Sant’Anna taż-Żebbiegħ, meta l-banda daqqet mal-Banda Principessa Yolanda ta’ Mathi fl-okkażjoni ta’ Ġieħ l-Imġarr.

Is-sena 2018 żgur se tibqa’ mfakkra. Dan għaliex matulha l-banda tagħna għamlet l-ewwel safra tagħha. Din kienet possibbli grazzi għal stedina li saret mill-komun ta’ Mathi, villaġġ li jagħmel parti mill-belt metropolitana ta’ Turin, li tinsab fil-provinċja tal-Piemonte. L-okkażjoni kienet il-kommemorazzjoni tal-10 sena mis-siġill tal-ġemmellaġġ bejn il-komun ta’ Mathi u l-kunsill lokali tal-Imġarr. Hawn il-banda għamlet servizz flimkien mal-Banda Principessa Yolanda. Dan kien propju nhar il-Ħadd, 15 ta’ Diċembru 2018, jum storiku għall-banda tagħna.

Avveniment importanti kien dak meta l-banda tagħna ħadet sehem għall-ewwel darba fis-serata finali ta’ Ġieħ l-Imġarr nhar il-Ħadd, 3 ta’ Frar 2019.
.