Tancred Grech
Surmast Direttur Mro.Tancred Grech flcm, B.A.((Hons.)Music,PGCE
Tancred Grech huwa mużiċist min-Naxxar. Beda l-istudji tal-ewfonju ta’ disa’ snin taħt Mro Lawrence Bonnici u ħareġ idoqq għall-ewwel darba meta kellu tlettax-il sena.
Wara kompla ma’ Dr Philip Ciantar, li ppreparah għall-eżamijiet tal-Victoria College. Aktar tard kompla jistudja taħt Mro Paul Borg, li flimkien ma’ Mro Lawrence Borg ippreparah għad-diplomi tal-ALCM u tal-liċenzjat tal-London College of Music (LLCM). Huwa ħa wkoll lezzjonijiet tal-armonija u l-orkestrazzjoni mis-Surmast Ray Sciberras. Aktar tard kompla l-istudji tiegħu fil-mużikoloġija fl-Università ta’ Malta, minn fejn iggradwa B.A. (Hons) fil-Mużika fl-2007, u sena wara ħa l-PGCE Diploma. Tancred Grech kiseb ukoll il-Fellowship mil-London College of Music (FLCM) fuq l-ewfonju.
Huwa kellu wkoll l-opportunità li jattendi diversi master classes u lezzjonijiet, kemm lokali kif ukoll internazzjonali, fuq l-ewfonju, fosthom mat-trombunista Ian S. Davies u mal-ewfonista internazzjonali Steven Mead.
Mro Grech kien għalliem f’diversi każini lokali, u preżentement huwa s-Surmast Direttur u għalliem tar-ram mas-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema ġewwa l-Imġarr, Surmast Direttur u għalliem tar-ram ġewwa l-Każin San Ġużepp u l-Banda De Rohan ta’ Ħaż-Żebbuġ u l-Assistent Direttur u għalliem tar-ram mal-Banda Beland taż-Żejtun. Hu ġie maħtur ukoll bħala għalliem mas-Soċjetà Santa Katarina V. M. taż-Żurrieq, San Ġużepp ta’ Ħal Għaxaq, kif ukoll mas-Soċjetà San Pawl – Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat.
Huwa għalliem tal-ICT u l-mużika fil-Kulleġġ ta’ Stella Maris, il-Gżira. Mro Grech huwa miżżewweġ lil Katya u għandhom żewġt itfal, Matthias u Ema.
Mauro Spiteri
Mauro Spiteri beda l-istudju mużikali tiegħu bl-althorn taħt id-direzzjoni tas-Surmast Ray Sciberras. Dan kien il-bidu sabiex jitħajjar ikompli l-istudju tiegħu b’iktar impenn, u għalhekk studja t-teorija, l-armonija, l-istorja, il-kuntrapunt u l-arranġamenti mal-istess Surmast, u l-istudju bl-istrument mas-Surmast Pawlu Borg. Kiseb id-diplomi ALCM u A.Mus.LCM rispettivament.
Ipparteċipa u daqq f’seminars taħt id-direzzjoni ta’ Ian Davies, trumbunista u lecturer professjonali. Jieħu sehem f’ħafna kunċerti ma’ baned Maltin u Għawdxin u ta s-sehem tiegħu fl-attivitajiet marbuta mal-memorji tal-Eks Presidenti tar-Repubblika Guido De Marco u Anton Buttigieg. Huwa daqq ma’ kwartett għal diversi snin fi swali u knejjes prominenti f’pajjiżna, fosthom fil-proġett ta’ restawr tal-knisja St Catherine of Italy fil-Belt Valletta u fil-proġett ta’ restawr tal-orgni tal-knisja tal-Balluta.
F’Ottubru tal-2009 ħa l-kariga ta’ surmast direttur mal-Għaqda Soċjali u Mużikali Kristu Sultan – Banda Paola, liema kariga għadu jokkupa sal-lum il-ġurnata. Ilu jgħallem mal-Għaqda Korali Orkestrali Marija Bambina tal-Mellieħa sa mill-2010 u f’Jannar tas-sena 2016 ingħata l-kariga ta’ assistent surmast mal-Banda tagħna.
Ikkompona diversi marċi brijużi u f’Ġunju tal-2009 kellu x-xogħol orkestrali Antifona tal-Madonna jiġi esegwit għall-ewwel darba fl-okkażjoni tal-festa tal-Qalb bla Tebgħa ta’ Marija f’Burmarrad.
Huwa jaħdem bħala Head of Operations & HR ma’ kumpanija privata tal-IT. Huwa miżżewweġ lil Violet u għandhom żewġt itfal, Giosue u Martina, u jgħixu n-Naxxar.
Charlie Pace
Charlie Pace, iben Francis u Georgina, twieled is-Siġġiewi fit-3 ta’ Ottubru 1964.
Il-kbir fost erba’ aħwa, Charlie hu miżżewweġ lil Frances née Farrugia u għandu tifla.
Charlie beda jdoqq il-klarinett mal-Banda San Nikola meta kellu 10 snin. Hu tħarreġ taħt is-Surmast Karmenu Vella, surmast magħruf ferm f’Malta, l-iktar għat-tagħlim, għax minn taħtu ħarġu bosta mużiċisti u surmastrijiet.
Charlie ilu jgħallem lill-allievi fi ħdan il-Banda San Nikola tas-Siġġiewi sa mill-1986. Fis-sena 1992 hu ngħaqad mal-Banda Queen Victoria taż-Żurrieq bħala għalliem tal-istrumenti tal-qasba, u għadu jgħallem sal-lum. Fl-2017 hu beda wkoll jgħallem fi ħdan il-Banda Lourdes tal-Qrendi. Fis-sena 2018 hu beda wkoll jgħallem lill-allievi mas-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema tal-Imġarr. Tul il-karriera tiegħu hu għamel 12-il sena jgħallem mal-Banda Żejtun (2006-2018).
Bħala mużiċista Charlie jdoqq ma’ ħafna baned. Waħda mill-isbaħ esperjenzi li daqq fihom kienet f’Como, l-Italja fis-sena 2007, mal-banda nazzjonali taż-żgħażagħ tal-Ewropa.
Bla ebda dubju meta ssemmi lil Charlie Pace mill-ewwel iġġib quddiem għajnejk il-klarinett. Dan l-istrument hu ferm għal qalbu.
Wayne Bartolo
Wayne Bartolo
Twieled fil-11 ta' April 1996 u joqgħod il-Mellieħa.
Hu beda t-triq mużikali tiegħu fl-2004. Fl-2005 ħareġ idoqq għall-ewwel darba mas-Soċjetà Filarmonica La Vittoria tal-Mellieħa,bit-tambur. Fis-sena 2007 hu beda jistudja wkoll il-
baxx. Tul il-karriera tiegħu hu kiseb dawn il-kwalifiki A.LC.M - in Drum Kit, Dip. ABRSM - in Tuba, B.A. (Hons) - Performing, Masters in Teaching and Learning (Music)
Kien jifforma parti mill-Malta Youth Orchestra mill-2011 sal-2016. Fil-preżenti hu jdoqq f’diversi okażżjonijiet mal-Malta Philharmonic Orchestra.
Wayne jaħdem għalliem tal-mużika fl-iskola ta' San Andrea l-Imġarr. Fil-preżent jokkupa l-kariga ta' Surmast Direttur tal-Junior Choir and Orchestra fi hdan l-Ghaqda Korali u Orkestrali Maria Bambina tal-Mellieħa, kif ukoll għalliem tal-perkussjoni u tar-ramm mas-Soċjetà Filarmonika Santa Marija tal-Mosta. F’Settembru,2019 hu nħatar ukoll għalliem mas- Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s-Sema, tal-Imġarr, biex jmexxi is-sessjonijiet ta’ Music Appreciation msejjħa A Music Journey. Waqt l-ħin liberu, jieħu pjaċir jesperimenta bil- kompozizzjoni, u kif ukoll jagħmel għadd ta arranġamenti għall-orkestri u għall-baned. L-ewwel marċ funebru li kkompona bl-isem ta’ “Id-Dawl ta' Dejjem” indaqq għall-ewwel darba mis-Soċjetà Filarmonika Marija Mtellgħa s- Sema tal-Imġarr waqt il-programm ta’ marċi funebri Jien Kont fil-15 ta' April 2019.
Wayne dilettant kbir tad-delizzju tal-bnadar.