TAGĦLIM TAL-PRATTIKA

Wieħed mill-għanijiet ta’ din is-soċjetà hu li tgħallem lil dawk kollha li huma interessati li jdoqqu xi strument li jifforma parti mill-banda. Dawn jinqasmu fi tliet kategoriji, li huma: l-istrumenti tar-ram, dawk tal-qasba, kif ukoll il-perkussjoni.

Il-lezzjonijiet isiru darba f’ġimgħa, u għalihom hemm għalliem allokat għall-istrumenti tar-ram u l-perkussjoni u ieħor għall-istrumenti tal-qasba. Kull lezzjoni tkun ibbażata l-ewwel fuq kif wieħed għandu jaqra n-noti kif ukoll it-tqassim tan-noti, biex b’hekk l-istudent ikollu bażi sabiex wara jkun jista’ jibda jdoqq dak l-istrument li jixtieq.

It-tagħlim isir fuq bażi individwali, billi l-għalliem jadatta għall-ħtiġijiet tal-istudent. Matul is-sena dawk kollha li jdoqqu xi strument (anke dawk li ma jkunux ħarġu bħala bandisti mal-banda) ikollhom l-opportunità li jieħdu sehem f’kunċerti li huma mmirati apposta għalihom.

It-tagħlim tal-istrument tal-qasba jingħata mis-Sur Charlie Pace filwaqt li dak tal-istrumenti tar-ram u l-perkussjoni jingħata mis-Surmast Direttur Tancred Grech.

TAGĦLIM TAT-TEORIJA

Waqt il-lezzjonijiet tat-teorija l-istudenti jitgħallmu t-teorija tal-mużika, li hija importanti ħafna biex wieħed ikun mużiċist komplut. Kull student jingħata attenzjoni individwali skont il-livell li jkun wasal fih. Waqt il-lezzjonijiet l-istudenti jkunu jistgħu jisimgħu bid-daqq tal-pjanu dak li jkunu qed jagħmlu fit-teorija. L-istudent jisma’ (tidħol il-prattika) dak li jkun qed jikteb fit-teorija. Dan huwa importanti ħafna fil-mużika, u għalhekk f’kull lezzjoni l-pjanu jkun dejjem aċċessibbli.

Wara li l-istudent jilħaq il-livell mixtieq mill-għalliem, l-għalliem japplika għall-istudent biex ikun jista’ jagħmel l-eżami tat-teorija. Fit-teorija hemm 8 livelli. Mas-sitt livell (Grade 6) l-istudent ikun ġab livell ta’ O Level, mas-seba’ livell (Grade 7) livell intermedju (Intermediate), u mat-tmien livell (Grade 8) livell avvanzat (A Level).

It-tagħlim tat-teorija tal-mużika jsir taħt il-kappa tal-London College of Music. Il-lezzjonijiet tat-teorija jingħataw mill-Assistent Surmast Mauro Spiteri.

Strumenti tal-Banda

Tixtieq titgħallem strument mal-banda tagħna?
Tixtieq li wliedek jibdew japprezzaw l-arti mużikali?
Trid iġġib kwalifiki fit-teorija tal-mużika?

Jekk iva, issa għandek iċ-ċans.
Aħna nagħmlu kuntatt miegħek u naraw x’tixtieq u x’inhu l-aħjar għalik u għal uliedek. Noffru diversi korsijiet ta’ tagħlim u żgur li se ssib xi ħaġa li tgħodd għalik.

Imla il-formola u ibgħathielna. Idhol hawn